Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) laqa’ l-“Viżjoni għall-Agrikoltura u l-Ikel” il-ġdida tal-Kummissjoni Ewropea, pjan direzzjonali ta’ riforma li għandu l-għan li jsaħħaħ il-pożizzjonijiet tal-bdiewa u jibni sistemi tal-ikel sostenibbli. Madankollu, il-KESE jħeġġeġ ambizzjoni akbar fil-Politika Agrikola Komuni (PAK).

Il-viżjoni, diskussa fil-plenarja tal-KESE fis-27 ta’ Marzu, tinkludi miżuri biex jagħtu spinta lis-setgħa ta’ negozjar tal-bdiewa, iżidu t-trasparenza tal-katina tal-provvista, u jtejbu d-djalogu dwar il-politika tal-ikel. Il-Kummissarju tal-UE għall-Agrikoltura, Christophe Hansen, iddeskriviha bħala “rispons immirat għal sejħiet għal settur agroalimentari kompetittiv, ġust u reżiljenti,” u enfasizza l-importanza ta’ ħidma mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati kollha, inkluża s-soċjetà ċivili.

Il-President tal-KESE, Oliver Röpke, innota li l-viżjoni tirrifletti ħafna mill-prijoritajiet tal-KESE. Huwa qal li din “tirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-atturi agroalimentari kollha fl-iżgurar tas-sostenibbiltà u l-kompetittività”, u żied jgħid li r-rakkomandazzjonijiet tal-KESE, f’ċerti oqsma, marru lil hinn mill-proposti tal-Kummissjoni.

Il-membri tal-KESE laqgħu l-inizjattivi biex jissaħħu r-rwoli tal-produtturi fin-negozjar u l-kuntratti. “Kuntratti bil-miktub bi klawżoli ta’ negozjar mill-ġdid se jagħtu spinta lit-trasparenza u s-setgħa ta’ negozjar tal-bdiewa,” qal Stoyan Tchoukanov, relatur tal-Opinjoni tal-KESE dwar Emenda għar-Regolament dwar l-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq (OKS) dwar it-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-produtturi fin-negozjar u l-konklużjoni tal-kuntratti.

Il-Kummissjoni qed tippjana wkoll li ssaħħaħ il-kooperazzjoni fis-sistema tal-ikel kollha, waqt li tippromovi produzzjoni sostenibbli u dieti aktar tajbin għas-saħħa. Emilie Prouzet, relatur tal-Opinjoni tal-KESE dwar Regoli ġodda dwar l-infurzar transfruntier kontra prattiki kummerċjali inġusti, tqis dan bħala l-ewwel pass biex il-bdiewa jingħataw appoġġ u fl-istess waqt tiġi evitata l-inċertezza legali.

Il-viżjoni tinkludi impenn għal sistema ġdida ta’ ġestjoni tar-riskju u tal-kriżijiet fl-UE kollha, li tallinja mal-appelli tal-KESE għal għodod aktar b’saħħithom biex jindirizzaw ix-xokkijiet ambjentali, tas-suq u dawk relatati mal-klima. Hija mistennija wkoll strateġija futura għat-tiġdid ġenerazzjonali, li tappoġġja lill-bdiewa żgħażagħ fl-aċċess għall-art, il-ħiliet ta’ investiment u l-infrastruttura rurali.

Minkejja appoġġ wiesa’, għad hemm tħassib. Il-parteċipanti fid-dibattitu nnotaw l-isfidi fid-diskussjoni tar-riforma tal-PAK ta’ wara l-2027 fin-nuqqas ta’ ċarezza dwar il-baġit tal-UE li jmiss. Il-KESE jappella wkoll għal infurzar aktar b’saħħtu tal-kundizzjonalitajiet soċjali, u jwissi li l-viżjoni ma tindirizzax bis-sħiħ kwistjonijiet bħall-konċentrazzjoni tas-suq u l-ispekulazzjoni finanzjarja li jaffettwaw il-prezzijiet tal-ikel.

Il-KESE afferma mill-ġdid ir-rwol tiegħu bħala msieħeb ewlieni biex il-viżjoni tal-Kummissjoni tiġi trasformata f’politika. Huwa wiegħed kollaborazzjoni kontinwa biex jiġi żgurat li l-interessi tal-bdiewa, tal-produtturi, tal-ħaddiema u tal-konsumaturi jiġu rispettati fit-tfassil tal-futur tal-agrikoltura tal-UE. (ks)