Is-soċjetajiet tagħna qed jittieklu mill-marda inviżibbli tal-prekarjetà li tinħass kullimkien, fejn iċ-ċittadini jħossuhom imneżżgħa minn kull setgħa u jiddependu minn forzi li m’għandhomx kontroll fuqhom, qalet Albena Azmanova, professur universitarju u awtriċi rebbieħa ta’ diversi premjijiet, li matul il-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE għamlet diskors inawgurali qawwi. F’din l-intervista għall-KESE Info, hija tispjega l-kawżi ewlenin ta’ din l-epidemija, inkluża t-tendenza li tingħata prijorità lill-ugwaljanza a skapitu tal-istabbiltà ekonomika.
Fid-diskors inawgurali tiegħek matul il-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili, tkellimt dwar l-epidemija tal-prekarjetà, li kienet l-għerq tad-deterjorament tal-libertajiet politiċi. Inti ddeskrivejtha bħala marda inviżibbli li qed tnissel il-ġenn. Tista’ tgħidilna aktar dwar xi trid tfisser b’“epidemija tal-prekarjetà”? X’qed iwassal għal dan?
Iċ-ċittadini qed iħossuhom dejjem aktar eżasperati, u l-imwiet minħabba d-disprament – speċjalment is-suwiċidji fuq il-post tax-xogħol – qed jiżdiedu f’soċjetajiet għonja. Din hija biss il-quċċata, u għalhekk l-aktar parti viżibbli, ta’ ajsberg vast imma mistur ta’ prekarjetà, xprunat min-nuqqas ta’ sigurtà tal-għajxien tagħna. Mhuwiex biss il-fatt li n-nies huma rrabjati u l-fiduċja fl-istituzzjonijiet politiċi qed tonqos, anke jekk dan huwa dak li nisimgħu ta’ spiss. Li niddubitaw il-fiduċja jista’ jkun pożittiv: iwassalna biex nitolbu r-responabbiltà. Ir-rabja tista’ tkun produttiva: tista’ tqanqal il-ġlieda għall-ġustizzja u twassal għal bidliet sinifikanti.
Il-marda attwali tas-soċjetajiet tagħna – dik li f’xogħli nsejħilha “prekarjetà li tinħass kullimkien”, hija differenti. Dan huwa tip speċjali ta’ nuqqas ta’ sigurtà, dgħajfien tal-pożizzjoni akut għax iċ-ċittadini jħossu li huma dipendenti minn forzi li ma għandhomx kontroll fuqhom.
Bħala individwi, nesperjenzaw il-prekarjetà meta ma nlaħħqux mal-kompiti bażiċi ta’ ħajjitna. Is-sens li m’aħniex kapaċi nlaħħqu jnissel fina biża’ ta’ kollass, li nitilfu dak li għandna – xogħolna, dak li faddalna, il-kapaċità tagħna li naġixxu u niksbu riżultati, il-bilanċ psikofiżiku tagħna. Għalhekk l-inkwiet ma jirrigwardax sempliċement il-faqar jew l-inugwaljanza, iżda t-telf esperjenzat jew antiċipat, il-biża’ ta’ kollass. Dan huwa kif l-individwi jesperjenzaw il-prekarjetà.
Is-soċjetajiet jesperjenzaw il-prekarjetà bħala l-inkapaċità li jmexxu lilhom infushom u jimmaniġġjaw l-avversità. Ejja nieħdu l-COVID-19 bħala eżempju. Kif kien possibbli li s-soċjetajiet prosperi, distinti mill-eċċellenza xjentifika u avvanzati fil-livell istituzzjonali bħal tagħna, ippermettew li problema tas-saħħa pubblika, ikkawżata minn virus diġà magħruf u lanqas tant letali, tinbidel fi kriżi serja tas-saħħa segwita minn kriżi ekonomika u soċjali? It-tweġiba hija minħabba li l-gvernijiet tagħna kienu naqqsu l-investiment pubbliku, inkluż fil-kura tas-saħħa.
Hemm karatteristika oħra tal-prekarjetà. Din hija kkawżata minn politiki speċifiċi, mill-kombinazzjoni neoliberali ta’ swieq ħielsa u ekonomiji miftuħa fejn id-deċiżjonijiet huma bbażati fuq il-profittabbiltà. Sabiex tiġi żgurata l-kompetittività tal-istati individwali jew tal-UE fis-suq globali, bħala parti minn kompetizzjoni globali għall-profitt, l-eliti taċ-ċentru xellug u taċ-ċentru lemin ġrew biex inaqqsu kemm is-sigurtà tal-impjiegi (biex jippermettu lin-negozji jiksbu l-flessibbiltà li għamlithom kompetittivi) kif ukoll l-infiq fuq is-servizzi pubbliċi. Dan ifisser li kulħadd kellu aktar responsabbiltajiet iżda inqas riżorsi biex iwettaqhom. Qed nintalbu nagħmlu aktar, b’anqas.
Dan huwa eżempju wieħed: il-Kummissjoni Ewropea qed titlob lill-Istati biex jistinkaw aktar għall-ġustizzja soċjali, iżda qed titlobhom ukoll inaqqsu l-infiq. Dan l-ispariġġ bejn ir-responsabbiltajiet dejjem jikbru u r-riżorsi dejjem jonqsu joħloq sens ta’ inċertezza u jqajjem dubji dwar il-kapaċità tagħna li nlaħħqu. Mhijiex it-tip ta’ inċertezza pożittiva li tagħmilna ħerqana li nimirħu fid-dinja, nevalwaw l-għażliet li għandna quddiemna, li nieħdu r-riskji jew li nagħtu prova tagħna nfusna. Minflok, din hija biża’ tossika, il-biża’ li titlef l-għajxien tiegħek u l-antiċipazzjoni ta’ ġejjieni aktar mudlam.
Fil-fehma tiegħek, x’inhi l-kawża taż-żieda ta’ mexxejja awtoritarji u partiti tal-lemin? Kif tivvaluta l-libertajiet demokratiċi u r-rispett għall-valuri ewlenin tal-UE fl-Ewropa llum?
Iż-żieda fl-appoġġ għall-mexxejja u l-partiti awtoritarji tal-lemin hija dovuta għal prekarjetà ġġenerata politikament. Iċ-ċittadini mhux iħossuhom sikuri, u għalhekk huma għatxana għas-sigurtà u l-istabbiltà; iħossuhom imneżżgħa minn kull setgħa, u għalhekk iduru lejn mexxejja b’saħħithom li jipprovdu stabbiltà immedjata b’ponn tal-ħadid. Pereżempju, dawn iżidu l-infiq militari u jagħtu spinta lis-setgħa tal-pulizija – l-istess kif se tagħmel l-UE dalwaqt.
Ir-raġunijiet għal dan kollu ġew stabbiliti aktar kmieni minn partiti ċentristi peress li għamlu s-soċjetajiet tagħna aktar prekarji għal raġunijiet neoliberali. Fil-fehma tiegħi, iċ-ċentru xellugi jġorr responsabbiltà partikolari għal din is-sitwazzjoni diżappuntanti. Waqt li s-sejħa awtoproklamata tad-demokrazija soċjali hija l-ġlieda għall-ġustizzja, dan iffoka fuq il-ġlieda kontra forma waħda ta’ inġustizzja: l-inugwaljanza. Sadanittant, dak li jixtiequ ċ-ċittadini huwa l-istabbiltà ekonomika: il-kapaċità li jimmaniġġjaw ħajjithom u jippjanaw il-ġejjieni tagħhom.
Aħseb ftit: jista’ jkollna soċjetajiet perfettament ugwali, iżda mifnija mill-prekarjaretà – dan huwa ’l bogħod minn dak li nsejjaħ soċjetà prospera u b’saħħitha. Barra minn hekk, in-nies mhumiex neċessarjament ħerqana li jeqirdu l-inugwaljanza jekk dan ifisser li jiġu ttrattati bħala telliefa li jiġu kkumpensati (u umiljati) b’sehem żgħir ta’ ridistribuzzjoni: l-ewwel u qabel kollox ma jridux ikunu telliefa.
F’diskorsok, tkellimt ukoll dwar “l-Olimpjadi fost il-vittmi”. Tista’ tispjega x’inhu dan il-kunċett u għaliex għandna nitbiegħdu minnu?
Matul dawn l-aħħar ħames deċennji, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni ħadet is-sura ta’ politika tal-identità. Gruppi li storikament sofrew diskriminazzjoni ġew ittrattati bħala “minoranzi protetti”, u b’hekk ingħataw status ogħla permezz ta’ miżuri ta’ azzjoni affermattiva bħal promozzjonijiet immirati u sistemi ta’ kwoti. Meta dan iseħħ f’kuntest ta’ prekarjetà li tinħass kullimkien, fejn l-impjiegi ta’ kwalità tajba u riżorsi oħra huma skarsi, dawn il-gruppi protetti jibdew jikkompetu għal dawn ir-riżorsi limitati. Fi klima bħal din, li tkun il-vittma jsir karta li tilgħabha xħin jaqbillek: aktar ma tkun kbira l-perċezzjoni li tkun vittma, aktar tkun b’saħħitha t-talba għall-protezzjoni.
Minn naħa, dan joħloq animożità bejn il-gruppi kompetituri, u b’hekk idgħajjef is-solidarjetà. Min-naħa l-oħra, ħadd minnhom ma jirbaħ tabilħaqq, għaliex jibqgħu vittmi. Wara kollox, il-fatt li tiġi vittimizzat u diskriminat huwa preċiżament dak li jimmotiva t-talbiet ta’ dawn il-gruppi għall-protezzjoni. L-uniċi rebbieħa f’din il-kompetizzjoni diżgustanti għall-aċċess għar-riżorsi u l-protezzjoni speċjali huma l-eliti li jkomplu jistagħnew. Ir-riżultat aħħari huwa li gruppi li m’għandhomx is-setgħa jiġġieldu kontra xulxin bħala għedewwa, waqt li l-protetturi tagħhom, l-eliti politiċi, jiksbu saħansitra aktar setgħa minn dawn il-kunflitti.
Fid-dawl ta’ dan kollu, għaliex is-soċjetà ċivili hija daqshekk importanti għall-preservazzjoni tad-demokrazija u l-libertajiet ċivili li ħafna minna jiħduhom bħala fatt? Għaliex is-soċjetà ċivili, u mhux l-elezzjonijiet demokratiċi, hija l-antidotu għall-abbużi tal-poter?
Meta nivvutaw, inkunu waħidna. Inħossu d-dgħajfien tal-pożizzjoni tagħna u l-frustrazzjonijiet tal-insigurtà b’mod akut, u nleħħnu din l-ansjetà bil-vot tagħna. Dan huwa l-oriġini taż-żieda ta’ partiti reazzjonarji f’elezzjonijiet ħielsa u ġusti. Is-soċjetà ċivili hija mmexxija minn loġika differenti u għandha sors speċjali ta’ poter: sens ta’ appartenenza għal komunità. Meta nkunu flimkien ma’ oħrajn, b’kawża komuni li tgħaqqadna lkoll, ma nkunux waħidna, inħossuna inqas prekarji, inqas dgħajfa, għax nistgħu nserrħu fuq l-appoġġ ta’ sħabna. Ladarba l-prekarjetà tonqos, il-biża’ tingħeleb u nkunu nistgħu naħsbu għall-ġejjieni, u b’aktar ambizzjoni.
Albena Azmanova hija Professur tax-Xjenza Politika u Soċjali f’City St George’ s, University of London u koeditur tal-ġurnal Emancipations. L-aħħar ktieb tagħha, Capitalism on Edge (2020) rebaħ ħafna premjijiet, inkluż il-Michael Harrington Book Prize, li l-American Political Science Association tagħti lil xogħol eċċellenti li juri kif borża ta’ studju tista’ tintuża fil-ġlieda għal dinja aħjar.
Inqas