Mill-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE

“Huwa impossibbli li xi ħadd jigdeb ħlief meta jidhirlu li jaf il-verità. Imma l-affarijiet bla sens li jsiru ma jsegwux din il-konvinzjoni.” On Bullshit, tal-filosofu Harry G. Frankfur, jinħass partikolarment rilevanti wara dak li ssejjaħ bħala ‘Jum il-Ħelsien’ ilbieraħ f’Washington.

Fit-2 ta’ April, il-President tal-Istati Uniti ħabbar tariffa fissa tal-importazzjoni ta’ 10 % għal kulħadd, minbarra t-tariffi speċifiċi għall-“agħar trasgressuri”. Ġiet esebita lista ta’ trasgressuri bħal dawn, li turi ċifri għal “tariffi reċiproċi” fuq pajjiżi oħra, u tinkludi 20 % għall-UE. Jidher ċar li l-president ma wera ebda tħassib għall-fatt li dawn iċ-ċifri huma fil-biċċa l-kbira bla sens u ċertament ma jallinjawx ma’ xi definizzjoni adegwata ta’ tariffi reċiproċi. Lanqas ma kien ta’ tħassib għalih il-fatt li d-defiċit tal-kummerċ fis-servizzi tal-UE kważi jibbilanċja l-kummerċ globali bejn iż-żewġ blokok. Wara kollox, il-preċiżjoni qatt ma kienet argument.

Aħna u deħlin fi gwerra kummerċjali ġdida bbażata fuq affarijiet bla sens, x’għandhom jistennew in-nies? Inflazzjoni ogħla, inċertezza tas-suq u impatt fuq l-industriji Ewropej. Wieħed għad irid jara jekk hemmx xi ħaġa li se tkun ta’ benefiċċju għall-ħaddiema tal-Istati Uniti.

Lil hinn mit-tariffi, l-UE jeħtiġilha tipproteġi lill-ħaddiema u l-impjiegi tagħha, waqt li ttaffi l-impatti inizjali, mhux biss minħabba t-tariffi, iżda wkoll minħabba l-inċertezza kkawżata mill-arbitrarjetà tagħhom. Dan ifisser li għandna nattivaw mill-ġdid id-domanda interna tagħna u niżguraw li l-ġid jitqassam mill-ġdid u jintuża b’mod effettiv.

Ifisser ukoll il-protezzjoni u l-investiment fl-industriji u s-setturi ewlenin tagħna, id-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija, l-indirizzar tal-kriżi tal-għoli tal-ħajja, u r-riforma tal-UE biex it-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha jsir effettiv. Soċjetà b’saħħitha u reżiljenti hija l-unika ħaġa li ma tħallix ifiġġu Trumps oħrajn madwar il-kontinent. L-imsieħba soċjali huma parti ewlenija minn soċjetà bħal din. Wieħed mill-għedewwa ħorox tad-duo Musk-Trump huma t-trejdjunjins, u bir-raġun.